L-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija – Balzan – Iklin tilqa’ l-awtur ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel waqt ‘Ġimgħa ta’ Kultura Maltija’

Nhar it-Tnejn, 21 ta’ Frar, l-awtur tal-ktieb ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’, is-Sur Charles Buttigieg, żar l-iskola primarja ta’ Ħal Lija-Balzan-Iklin fuq stedina li saritlu bħala parti minn attivitajiet marbuta ma’ ‘Ġimgħa ta’ Kultura Maltija’, organizzata mill-istess skola.

Is-Sur Charles Buttigieg spjega lit-tfal preżenti kif l-istejjer ta’ Karamellu huma maħsubin l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda, jiġifieri għal tfal bħalhom, biex b’mod ħelu u mexxej jgħinuhom isiru jafu aktar u aħjar dwar it-tfal, il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti. Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.

Minbarra l-intervent tas-Sur Buttigieg u l-introduzzjoni tiegħu ta’ Karamellu lill-istudenti, matul din il-ġimgħa, kull klassi organizzat bosta attivitajiet oħrajn b’rabta mal-lingwa u l-kultura Maltija. Ġie organizzat logħob għall-prattika tal-Malti bħal ‘raddiena kliem’, kif ukoll logħob tradizzjonali Malti bħal ‘il-lakstu’, ‘il-passju’ u ‘iż-żibeġ’. Matul din il-ġimgħa, it-tfal flimkien ma’ l-għalliema tagħhom se jkunu qed jagħmlu wkoll ftira Maltija, jiddisinjaw gallariji u luzzu tradizzjonali, kif ukoll jitgħallmu jnaqqxu s-salib ta’ Malta fit-tafal, fost bosta attivitajiet oħra relatati mal-‘Ġimgħa ta’ Kultura Maltija’.