Dwar Karamellu

Featured Image
  • Karamellu trabba f’villaġġ b’ħafna familji tal-ħaddiema, fi żmien meta l-ħajja f’Malta kienet ferm differenti milli hija llum. Il-villaġġ ta’ Karamellu kellu parti tissejjaħ ‘Ir-Raħal ta’ Fuq’ u parti oħra tissejjaħ ‘Ir-Raħal t’Isfel’, bil-knisja fin-nofs.

    Il-familja tiegħu kienet tgħix fir-Raħal t’Isfel, fejn qrib xulxin kont issib fran, ħwienet tal-merċa u tal-laħam, barbier, landier, ħajjata u oħrajn. In-nies kienu mdorrijin jaraw ukoll fi triqathom bejjiegħa bħal tal-ħalib, tal-ħut, tal-ġelat, tal-bigilla u tal-pitrolju.

    Il-kappillan, it-tabib u l-ispiżjar tista’ tgħid kienu jafu n-nies kollha tal-madwar. It-tfal subien, l-iktar, kienu jqattgħu ħafna ħin jilagħbu fit-triq, bħal bil-boċċi tal-ħġieġ jew bil-ballun, inkella jiġru wara xulxin f’logħob skont l-aptit ta’ dak il-ħin.

    Karamellu kien jieħu gost jilgħab barra mat-tfal l-oħrajn. Kien jaf ikun ukoll fuq tiegħu.
  • Imma kien jisma’ minn dak li kienu jgħidulu ommu, missieru, nannietu u l-għalliema. Kien ukoll iħobb joqgħod jara, jaħseb, jistaqsi, jaqra, jistudja u jitgħallem.

    Diversi mill-istejjer dwaru huma mnebbħin minn ġrajjiet li seħħew tassew. Oħrajn huma rakkonti li joffru lill-qarrej idea ta’ kif kienu jgħixu u jġibu rwieħhom ċerti nies u karattri li l-awtur kien midħla tagħhom fi tfulitu. L-istejjer joffru qari ħafif u ħelu għat-tfal ta’ kull żmien. Joffru wkoll tifkiriet nostalġiċi għall-kbar.