Is-Sur Steve Mifsud, Sales Manager tad-Deco Manufacturing Limited, f’isem l-istess kumpanija għamel donazzjoni ta’ għadd ġmielu ta’ kopji tal-ktieb “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” lis-Sinjorina Dorianne Pace, Kap tal-Iskola Primarja Santu Wistin, fil-Marsa.
“Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb” huwa ġabra ta’ 10 stejjer, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta t-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu.
Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.
B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.
Preżenti għall-okkażjoni, fl-10 ta’ Novembru, 2021, kien hemm is-Sinjura Veronique DeGabriele Ferrante, Assistent Kap tal-istess skola, kif ukoll l-awtur, is-Sur Charles Buttigieg.
L-awtur tkellem dwar in-natura tal-istejjer ta’ Karamellu. Huwa spjega li dawn huma maħsubin l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex b’mod ħelu u mexxej jgħinuhom isiru jafu aktar u aħjar dwar it-tfal, il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti.
Is-Sinjorina Pace rringrazzjat lis-Sur Mifsud u lid-Deco Manufacturing talli għażlet l-iskola ta’ Santu Wistin għal din id-donazzjoni. Hija spjegat l-importanza tal-qari bil-lingwa Maltija.
