L-Iskola Primarja ‘B’ taż-Żejtun tirċievi donazzjoni ta’ kotba ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’

22 ta' Diċembru, 2022

L-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru – Is-Sinjura Astrid Zahra, Direttur ta’ Lasco Supermarket, llum ippreżentat donazzjoni ta’ għadd ġmielu ta’ kopji tal-ktieb “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” lis-Sur Edmond Pace, Kap tal-Iskola Primarja ‘B’, fiż-Żejtun.

“Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb” huwa ġabra ta’ 10 stejjer, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta t-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu.

Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.

B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.

Preżenti għall-okkażjoni, kien hemm l-awtur, is-Sur Charles Buttigieg flimkien ma’ żewġ studenti mill-istess skola.

L-awtur spjega li l-karattru ta’ Karamellu jirrapreżenta lilu bħala tifel. Żied jgħid li dawn l-istejjer jagħtu stampa ta’ kif kienu jgħixu t-tfal fi żminijiet imgħoddija. L-istejjer huma maħsubin l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex b’mod ħelu u mexxej jgħinuhom isiru jafu aktar dwar il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti.