Il-Ħamis, 12 t’Ottubru – Is-Sinjura Astrid Zahra, Direttur tal-Lasco Supemarket illum ippreżentat donazzjoni ta’ għadd ġmielu ta’ kopji tat-tielet ktieb ta’ ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’ lis-Sinjura Claudine Sawyer, Assistent Kap tal-Iskola Primarja ‘A’, fiż-Żejtun.
‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel – it-Tielet Ktieb’ huwa ġabra ta’ stejjer ġodda mis-sensiela Karamellu, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it- tfulija f’raħal Malti fi żmien meta t-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu.
Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.
B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.
Is-Sur Charles Buttigieg, li kien mistieden għall-okkażjoni, spjega li l-karattru ta’ Karamellu jirrappreżenta lilu bħala tifel. Żied jgħid li dawn l-istejjer jagħtu stampa ta’ kif kienu jgħixu t-tfal fi żminijiet imgħoddija. L-istejjer huma maħsubin l-iżjed għall- ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex b’mod ħelu u mexxej jgħinuhom isiru jafu aktar dwar il- kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti.
