L-awtur tal-istejjer ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’, Charles Buttigieg ippreżenta sett tat-tliet kotba li ħarġu s’issa f’din is-sensiela, lill-E.T. il-President tar-Repubblika, Dr George Vella.
Il-preżentazzjoni saret fil-Palazz tal-President, San Anton, fejn l-awtur kien akkompanjat mis-Sur Reuben M Buttigieg.
Il-President ingħata tagħrif dwar kif twieldu u bdew isibu ruħhom f’kotba l-istejjer ta’ Karamellu, bħala rakkonti mnebbħin minn ġrajjiet u esperjenzi ta’ żmien it-tfulija tal-awtur, u dwar nies li kien jiltaqa’ magħhom fit-trobbija tiegħu fir-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.
Is-Sur Charles Buttigieg spjega wkoll lill-President dwar il-laqgħat li huwa qed ikollu mat-tfal fl-iskejjel, waqt preżentazzjonijiet sponsorjati ta’ kotba ta’ Karamellu, partikolarment l-emfasi li dejjem jagħmel lit-tfal dwar il-bżonn li japprezzaw u jgħożżu kif imiss l-Ilsien Malti. Semma wkoll li, f’dan ir-rigward, iħossu nkuraġġut ħafna mill-kampanja ‘L-Ilsien Malti Għal Qalbi’ mnedija fl-2022 mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.
Il-President u l-awtur tal-istejjer ta’ Karamellu, it-tnejn miż-Żejtun, qasmu ma’ xulxin memorji ta’ esperjenzi feliċi komuni ta’ tfulithom.
Is-Sur Charles Buttigieg, li kien l-ewwel Kummissarju għar-Refuġjati f’Malta, ippreżenta wkoll lill-President kopja tal-ktieb tiegħu ‘Ir-Refuġjati f’Ħajti’.
Il-President wera l-apprezzament tiegħu għal dan il-ktieb, li jirrakkonta l-istorja tar-refuġjati f’Malta minn nofs is-snin Tmenin sal-ewwel diċennu tal-millennju. L-Eċċellenza Tiegħu wera l-fehma li dan il-ktieb jixraq li jiġi tradott fl-Ingliż u għamel suġġeriment siewi ħafna dwar kif dan jista’ jseħħ.
Is-sensiela ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’ hija ġabra ta’ tliet kotba, li fihom numru ta’ stejjer mżejna b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs. B’mod ġenerali, l-istejjer joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji ħafna snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien jaf lil kulħadd u fejn xi esperjenzi eċċitanti fost it-tfal u l-adulti qatt ma naqsu.

