In-Nazzjon
31 ta' Jannar, 2023
Ħareġ it-tieni ktieb bi stejjer dwar Karamellu tar-Raħal t’Isfel, imżewqin b’disinji mħejjijin apposta għal magħhom. L-awtur huwa Charles Buttigieg, li jikteb taħt l-isem In-Nannu Karm.
Mibni fuq l-istess stil ħelu tal-ewwel ktieb, it-tieni ktieb jinkludi 10 rakkonti ġodda mnebbħin minn ġrajjiet li seħħew tassew, jew mill-mod kif kienu jgħixu u jġibu rwieħhom nies li l-awtur għex tfulitu fosthom, fir-raħal fejn trabba.
L-ewwel tliet stejjer fil-ktieb il-ġdid jirrakkontaw x’jiġri meta f’nofs ta’ lejl Karamellu jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ barbaġann, ilaqqgħu l-qarrej ma’ praspar ta’ wieħed minn sħab Karamellu magħruf bħala ‘Bertu l-Imqareb’, u juru x’ġara minn dulliegħa fil-jum li fih Karamellu mar għall-ewwel darba Għawdex.
Tliet stejjer oħrajn huma dwar tqanqil ħelu mhux mistenni waqt waħda mill-fieri tal-Kappillan, il-gost li ħa Karamellu waqt ħarġa man-nannu sa Marsaxlokk u dawra sorpriża fuq luzzu, u l-qatgħa li ħa wieħed minn nannietu waqt li kien qed iqaxxar il-leħja.
Stejjer oħrajn huma dwar x’għamlet għal għarrieda l-kelba ta’ ziju ta’ Karamellu meta marru jgħumu, x’għadda bejn Nikol tal-Ħalib u mara li kienet tiffittah, kif grillu ħarbat lejl ta’ mistrieħ fid-dar ta’ Karamellu, u x’jista’ jiġri minħabba s-sħana, l-għomma u l-għakar.
Il-ktieb, ta’ 100 paġna, ġie ppubblikat bis-sehem tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Bħal fil-każ tal-ewwel ktieb, id-disinji ta’ mal-istejjer u l-issettjar huma ta’ CN Creative Designs.
L-istejjer ta’ Karamellu huma maħsubin l-iżjed għat-tfal tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex bis-saħħa ta’ qari ħelu u mexxej, flimkien ma’ stampi sbieħ, jgħinuhom isiru jafu aktar u aħjar dwar it-tfal, il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti. Fl-istess ħin, ir-rakkonti joffru qari nostalġiku feliċi għall-kbar, speċjalment għal dawk fosthom li jħobbu jaqraw u jirrakkontaw lit-tfal dwar meta huma stess kienu għadhom żgħar.
Il-ktieb il-ġdid jista’ jinkiseb mingħand Book Distributors Limited (BDL Books). Aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’kuntatt ma’ Ms Rita Micallef (rmicallef@erremme.com.mt; Tel: 79093467).
