Karamellu tar-Raħal t’Isfel nominat għall-Premju Għall-Arti 2026

Rikonoxximent sabiħ għall-ħidma favur l-animazzjoni, il-letteratura u l-kultura Maltija.

B’ferħ u gratitudni kbira nħabbru li Karamellu tar-Raħal t’Isfel ġie nnominat għall-Premju Għall-Arti 2026, fil,-kategorija L-Aqwa Proġett għal Tfal u Żagħażagħ, organizzata mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-Premju Għall-Arti huwa ċelebrazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi u tiċċelebra l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kisbiet fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Permezz ta’ dawn il-premjijiet jingħata ġieħ lil dawk li, permezz tal-ħidma u t-talent tagħhom, qed jagħtu kontribut lill-ħajja artistika u kulturali ta’ pajjiżna.

Din in-nomina hija rikonoxximent importanti għall-ħidma u d-dedikazzjoni li hemm wara l-proġett ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel. Proġett li, permezz tal-kotba u s-sensiliet animati tiegħu, qed iwassal stejjer bil-Malti, jippreserva l-memorji u t-tradizzjonijiet ta’ Malta tas-snin ħamsin, u joffri divertiment u tagħlim lit-tfal u lill-kbar.

Karamellu tar-Raħal t’Isfel huwa ħafna aktar minn karattru animat. Huwa vjaġġ nostalġiku lejn il-ħajja fir-raħal Malti ta’ dari, mimli umoriżmu, innoċenza, tagħlim u valuri li jibqgħu jgħaqqdu l-ġenerazzjonijiet.

Nixtiequ nesprimu r-ringrazzjament tagħna lill-Kunsill Malti għall-Arti għal din in-nomina, kif ukoll lill-qarrejja, lit-telespettaturi u lill-ħbieb kollha ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel li matul is-snin tawna l-appoġġ u l-inkoraġġiment tagħhom.

Iċ-ċerimonja tal-Premju Għall-Arti 2026 se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2026, fit-Teatru Manoel.

Din in-nomina hija mument speċjali fil-vjaġġ ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel u se tibqa’ tifkira għażiża fil-ħidma tagħna favur l-arti, l-animazzjoni u l-kultura Maltija.

Viva l-arti Maltija, viva l-lingwa tagħna u viva Karamellu!