Karamellu jferraħ lit-tfal fid-djar tal-knisja

Bl-għajnuna ta’ donazzjoni sponsorjata minn The Farsons Foundation, l-ewwel ktieb ta’ “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” fi żmien il-Milied se jkun ukoll f’idejn it-tfal fid-Djar tal-Knisja.

Il-kotba ġew ippreżentati lis-Sur Mark Pellicano, Children’s Service Senior Manager u Ms Elmer Stanmore, Central Office Senior Manager tal-Fondazzjoni Sebħ. Il-kotba ngħatawlhom mis-Sur Charles Buttigieg, l-awtur, f’Dar Fra Diegu, il-Ħamrun, fis-17 ta’ Diċembru, 2021

L-iskop prinċipali tal-Fondazzjoni Sebħ, li tieħu ħsieb it-tfal fid-Djar tal-Knisja amministrati minnha, hu l-permanenza fil-ħajja tat-tfal biex jgħixu f’ambjent stabbli. Il-Fondazzjoni se tqassam il-kotba bejn id-djar tat-tfal immexxija minnha u Djar oħrajn.

Il-karattru ħelu ta’ Karamellu kiseb popolarità partikolari bis-saħħa ta’ l-istejjer dwaru li ilhom jixxandru fuq Facebook minn żmien il-lockdown tal-pandemija tal-Covid 19 u li kienu apprezzati ħafna min-nies.

Fil-qalba tal-istejjer wieħed isib eżempji naturali ta’ valuri bħal kif it-tfal jistgħu jgħixu kuntenti b’dak li jkollhom waqt li, fl-istess ħin, ikomplu jistinkaw għal ħajja aħjar. Eżempji oħrajn huma dwar il-ferħ li jgawdi dak li jkun meta jfittex li jifhem, jirrispetta u jgħin lill-oħrajn speċjalment lil dawk fil-komunità tiegħu, il-benefiċċji kbar tal-komunikazzjoni personali, u kemm hu sabiħ li fil-ħajja tibqa’ miftuħ għal dak li l-progress iġib miegħu.

Is-Sur Buttigieg, li fil-ktieb jiffirma ‘In-Nannu Karm’, awgura li l-istejjer fil-ktieb u l-viżwali ta’ magħhom joffru lit-tfal fid-Djar tal-Knisja qari ħelu dwar kif kienet it-tfulija bosta snin ilu, meta l-ħajja kienet ferm differenti milli hija llum. Huwa qal li memorja sabiħa u għażiża ħafna li huwa għandu dwar tfulitu hu l-ħin li kien iqatta’ jilgħab ma’ sħabu b’oġġetti tal-logħob sempliċi bħal bil-boċċi tal-ħġieġ jew bil-ballun.

Is-Sur Buttigieg irringrazzja lil The Farsons Foundation għall-appoġġ tagħhom u
l-għajnuna li taw biex il-kotba setgħu jaslu għand it-tfal fid-Djar tal-Knisja.

Is-Sur Pellicano, f’isem il-Fondazzjoni Sebħ u t-tfal, esprima l-apprezzament tiegħu għad-donazzjoni. Huwa radd ukoll ħajr lil The Farsons Foundation u lill-awtur.