It-Tnedija tat-Tielet Ktieb

Is-suċċess li kellhom l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel welled it-tielet ktieb dwaru u dwar it-tfulija f’Malta fi żminijiet imgħoddija.

Karamellu huwa tifel imwieled fis-snin 1940, li trabba f’familja li kienet tgħix f’naħa taż-Żejtun fejn qrib xulxin kont issib diversi ħwienet li minnhom in-nies kienu jixtru l-bżonnijiet tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll ħaddiema bħall-barbier u l-landier.

Bħal fl-istejjer tal-ewwel żewġ kotba, uħud mill-għaxar rakkonti ġodda tat-tielet ktieb inixxu minn ġrajjiet li seħħew tassew, jew mill-mod kif kienu jgħixu u jġibu rwieħhom uħud min-nies li l-awtur, Charles Buttigieg, kien jgħix magħhom fir-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.

Fl-ewwel storja naraw lil Karamellu isir ħabib ma’ tifla li ltaqa’ magħha ħdejn il-baħar, waqt li nanniethom kienu qed jistadu bil-qasba.

Niltaqgħu mbagħad ma’ qassis li, bl-għajnuna ta’ Karamellu, juri lit-tfal u lil kulħadd kemm hu sabiħ li kollna kemm aħna nieħdu ħsieb u nħarsu l-ħolqien, u kemm anke l-għasafar tal-bejt għandhom il-valur tagħhom f’għajnejn il-Ħallieq ta’ kollox.

L-istejjer ilaqqgħuna wkoll ma’ żewġ irġiel li Karamellu kien midħla tagħhom. Dawn huma Grezzju tal-Kantina u Anġlu l-Barbier. Mingħand Grezzju, Karamellu kien jitgħallem dwar ċertu kliem Malti antik li ma għadux jintuża. Dwar Anġlu, insiru nafu x’tattika kien juża dan il- barbier ma’ xi ħadd wiċċu tost. Mingħandu nsiru nafu wkoll minn fejn ġejja l-espressjoni ‘nofs leħja’.

It-tielet ktieb joffri wkoll sorpriża partikolari. Għannej li kien hemm fit-triq fejn kienet toqgħod il-familja ta’ Karamellu, jiddedikalu taqbila. Bis-saħħa ta’ din l-għanja, insiru nafu għaliex in- nies kienu jħobbuh ħafna lil Karamellu.

Storja oħra tirrakkontalna avventura li kellhom Karamellu u missieru waqt mawra flimkien f’Għawdex, waqt li oħra tittratta ċerti sigrieti dwar l-għasur tant maħbub, il-pitirross.

Fi stejjer oħrajn naraw x’ġara meta nannu ta’ Karamellu mar jixtri żarbun ġdid, għaliex mitħna tal-kafè qanqlet ftit tal-inkwiet fil-ħajja ta’ żewġ nanniet ta’ Karamellu, u kif Karamellu ħaddem rasu biex jilħaq paraxut tal-karti fil-festa tar-raħal.

L-istejjer ta’ Karamellu huma maħsubin l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet ġodda tal-lum u ta’ għada, biex jgħinuhom isiru jafu aktar u aħjar dwar it-tfal, il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti. Fl-istess ħin, ir-rakkonti joffru qari nostalġiku ħelu għall-kbar, speċjalment għal min iħobb jirrakkonta lit-tfal dwar meta hu kien għadu żgħir.

Id-disinn u l-issettjar huma ta’ CN Creative Designs.