It-Tnejn, 5 ta’ Frar – Bħala parti mir-responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħha u b’sostenn tal-promozzjoni ta’ Malta, l-Ilsien Malti u produzzjonijiet Maltin, Chetcuti Cauchi Advocates għamlu donazzjoni ta’ għadd ta’ kotba bil-Malti, mis-serje ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’, lill-iskola Primarja tas-Siġġiewi.
Il-preżentazzjoni saret mis-Sur Gilbert Bonnici f’isem Chetcuti Cauchi Advocates lil Natalie Donia Saliba, Kap tal-Iskola, fil-preżenza ta’ Charles Buttigieg, l-awtur.
Ġie awgurat li d-donazzjoni tgħin biex jissaħħu dejjem iżjed l-għarfien u l-użu tal-ilsien Malti fost it-tfal Maltin, flimkien ma’ lingwi oħra u talenti li tħaddan il-komunità Maltija.
Il-kotba ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’ huma ġabra ta’ stejjer, imżewqin b’viżwali disinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta t-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu. Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.
B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.
Aktar tagħrif dwar il-kotba bl-istejjer ta’ Karamellu jista’ jinkiseb mill-websajt www.nannukarm.org


