Auto Sales Ltd – Kind’s Tappoġġja d-Distribuzzjoni tal-Kotba ta’ ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’

Auto Sales Ltd – Kind’s, l-importaturi uffiċjali ta’ Mercedes-Benz, smart, FUSO, Renault u Dacia, għandhom il-pjaċir iħabbru donazzjoni ta’ kopji tal-ewwel u t-tieni ktieb ta’ “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” lill-iskola primarja ta Qalb ta’ Ġesù, bażata f’San Ġiljan nhar il-31ta’ Mejju 2023.

Din l-għotja hija parti mill-appoġġ kontinwu tagħna lill-komunità lokali Maltija tagħna; din id-darba b’emfasi dwar is-sinjifikat tal-qari fost it-tfal u l-ħarsien tal-ilsien Malti biex jinżamm ħaj il-wirt kulturali tagħna.

Il-preżentazzjoni tal-kotba fl-iskola kienet ġrajja verament sabiħa u ta’ suċċess li, fil-qalba tagħha, kellha s-sehem tat-tfal. L-istudenti kellhom djalogu attiv mal-awtur, Charles Buttigieg, b’mistoqsijiet li jġiegħluk taħseb, kif ukoll billi ħadu sehem bis-sħiħ f’esperjenza ħelwa ta’ rakkont ta’ stejjer, b’mod li l-okkażjoni saret waħda li tat gost kbir lil kull min kien involut.

Auto Sales Ltd – Kind’s temmen ħafna fl-impatt profond tal-kotba u l-qawwa tagħhom li jixegħlu l-immaġinazzjoni, imexxu ’l quddiem l-għarfien, u jiffaċilitaw l-iżvilupp personali. Aħna nagħrfu li l-kultivazzjoni  tal-imħabba għall-qari fit-tfal minn età bikrija tiftaħ il-bieb għal dinja meraviljuża filwaqt li tibni fihom ħiliet essenzjali għall-ħajja.

“Nittamaw li t-tfal u l-għalliema jsibu dawn il-kotba interessanti u ta’ siwi, u li jieħdu gost tassew jaqrawhom,” qal Mark Testaferrata Moroni Viani, General Manager. “Aħna nappoġġjaw lill-edukaturi fil-missjoni nobbli li għandhom li jifformaw il-ġenerazzjoni li jmiss. Dawn il-kotba huma għajn ta’ appoġġ għall-isforzi imprezzabbli tagħhom fil-klassi u jgħinu lit-tfal jiskopru l-gost tal-qari.”

Hija t-tama tagħna li dawn il-kotba mhux biss iferrħu lit-tfal imma wkoll inisslu fihom lkoll imħabba għall-qari, irawmuhom fl-għożża tal-letteratura u jispirawhom u jinkuraġġuhom fl-esplorazzjoni kontinwa tal-kelma miktuba.

Għal aktar tagħrif dwar Auto Sales Ltd. – Kind’s u l-inizjattivi tagħna, jekk jogħġobkom żuru autosales.com.mt