L-Għasafar tal-Bejt

  • Kien jum San Franġisk, fl-4 ta’ Ottubru. Inzerta wkoll li kien il-Ħadd. Ħafna tfal inġabru l-kappella tar-Raħal t’Isfel, għall-quddiesa li Dun Karm kien jorganizza għalihom il-Ħadd filgħodu. Meta Dun Karm ħareġ għall-quddiesa, miegħu kellu lil Karamellu, li f’idu kellu gabjetta qadima li mar iqegħedha ħdejn l-ambone. It-tfal ħasbu li l-ewwel ħaġa li kien se jgħidilhom Dun Karm kienet għaliex Karamellu kien ħareġ dik il-gabjetta. Imma meta l-qassis ġie biex jibda l-quddiesa, semmielhom biss isem il-qaddis tal-ġurnata u tahom ftit tagħrif dwaru. Dwar il-gabjetta, ma qalilhom xejn. Meta wasal il-ħin tal-omelija, Dun Karm tella’ l-gabjetta ħdejh, fuq l-ambone. Fil-kappella waqgħet ħemda sħiħa. “Ilbieraħ, waqt passiġġata, waħdi, ilmaħt żagħżugħ għaddej b’din il-gabjetta f’idu,” qalilhom il-qassis. “Indunajt li fiha kellu, imgezzin ma’ xulxin, tliet għasafar ċkejknin tal-bejt, ibatu biex ipespsu u jirtogħdu. Meta staqsejtu dwarhom, qalli li kien sabhom f’bejta, f’toqba f’ħajt ta’ għorfa, f’nofs għalqa. Qalli wkoll li kien se jeħodhom id-dar biex jagħtihom lil ħutu iżgħar minnu, ħalli jilagħbu bihom. “Imma hekk, jaħasra, ma jmutux?” għedtlu.  “B’daqshekk!” qalli. “Malli jmutu nagħtihom lill-qattus. Dak żgur jieħu gost bihom.” “Sewwidt qalbi,” kompla l-qassis. “Għalhekk, staqsejtu kemm ried flus ta’ dawk l-għasafar. Ħasibni qed niċċajta. Qalli: ‘Dawn hawn ħafna minnhom. Kemm issib bejta. Lil dawn trid? Dawn diġà mgħaxxin! M’intix tarahom?’ “Jien erġajt staqsejtu kemm irid flus. Qalli li ried erba’ soldi għal kull għasfur u xelin għall-gabjetta – żewġ xelini kollox. Jien ħassejt li kien qed jitlobni wisq.  Madankollu, aċċettajt, bil-kundizzjoni li barra li jagħtini l-għasafar fil-gabjetta, jurini fejn kienet il-bejta li
  • ħadhom minnha. “Iż-żagħżugħ deher sorpriż meta għedtlu hekk, imma aċċetta. Tajtu l-flus, tani l-gabjetta bl-għasafar u tlabtu jeħodni fil-post minn fejn kien ġabhom. Ma domniex wisq ma wasalna. Billi ma kienx faċli għalija li nitla’ sa fejn kienet il-bejta, għedtlu li jekk jerġa’ jqiegħed dawk l-għasafar fil-bejta, minn fejn kien ġabhom, nagħtih xelin ieħor. “L-għasafar  malajr qegħedhom lura fil-bejta. Ma kienx għadda wisq ħin, ommhom waslet u daħlet ħdejn uliedha. Mit-tpespis li beda ġej min-naħa tal-bejta, stajna nindunaw li lkoll kemm huma kienu ferħanin li kienu mill-ġdid flimkien: omm u wlied.” Filwaqt li ħa nifs twil, Dun Karm għolla l-gabjetta ’l fuq minn rasu, biex it-tfal ikunu jistgħu jarawha sew, u qal:  “Dawk l-għasafar kienu f’din il-gabjetta. Kieku baqgħu fiha, ma naħsibx li kienu jwasslu sal-lum, il-festa ta’ San Franġisk. Fil-kenn u l-wens ta’ ommhom, forsi jkollhom iċ-ċans, minkejja l-kedda li ħadu, li jibqgħu jsemmgħu leħinhom mal-għasafar l-oħrajn.” Tneħħi għal xi ftit tgedwid, it-tfal baqgħu kwieti. Indunaw li s-saċerdot kien għadu ma spiċċax. “Jien ma nafx kemm hawn għasafar magħluqin f’xi gaġġa, qafas jew gabjetta, fir-raħal tagħna, li forsi mhux suppost qegħdin hemm,” kompla jgħid.  “Ma nafx kemm hawn għasafar li f’dawn il-jiem għalqu għajnejhom għal dejjem u ma waslux ħajjin sa jum San Franġisk.  Nixtieqni għandi flus biżżejjed biex nixtri l-għasafar kollha li forsi jinsabu f’riskju li jmutu msakkrin, ħalli nitlaqhom itiru lura fil-beraħ tan-natura. “Tfal, Ġesù kien iħobbhom l-għasafar, anke dawk tal-bejt. Tant kien iħobbhom li, meta kiber, qalilna li ‘anqas wieħed minnhom – l-għasafar tal-bejt – ma
  • hu minsi quddiem Alla.’  Allura ma naħsibx li Ġesù Bambin jifraħ jara l-għasafar tal-bejt, jew għasafar bħalma huma l-pitirrossi, magħluqin f’xi gabjetta  ċkejkna bħal din.” Karamellu ċapċap. Naqra naqra, it-tfal l-oħra bdew iċapċpu huma wkoll, kważi kollha. “Wara l-quddiesa,” qalilhom Dun Karm, “se noħroġ fuq iz-zuntier. Miegħi se noħroġ dik l-istatwa ċkejkna ta’ San Franġisk li qed taraw ħdejn it-tabernaklu fuq l-artal. Karamellu se jiġi miegħi bil-gabjetta. L-istatwa ta’ San Franġisk u l-gabjetta se nqiegħduhom fuq iċ-ċint taz-zuntier. Se nagħmlu hekk, biex nuru lil San Franġisk li aħna, l-għasafar inħobbhom bħalma kien iħobbhom hu, fuq l-eżempju ta’ Ġesù.” Ma’ tmiem il-quddiesa, it-tfal baqgħu biex jaraw lil Dun Karm u Karamellu ħerġin bl-istatwa ta’ San Franġisk u l-gabjetta, u jqegħduhom fuq iċ-ċint taz-zuntier tal-kappella. “Karamellu se jibqa’ hawn, mal-istatwa u l-gabjetta, sakemm jien nerġa’ niġi għalihom biex indaħħalhom ġewwa,” qal Dun Karm lit-tfal miġburin madwaru. “Jekk hawn min jixtieq joqgħod ma’ Karamellu, imur jgħid lil ommu u lil missieru u jekk iħalluh, ikun jista’ jiġi hu wkoll.” Bertu l-Imqareb telaq b’kemm kellu saħħa lejn id-dar biex jgħid lil ommu l-istorja tat-tliet għasafar u jitlobha tħallih imur ħdejn Karamellu. L-istess għamlu tfal oħrajn, imma kien Bertu l-ewwel wieħed li reġa’ lura ħdejn Karamellu. Meta wasal, sab lil Karamellu bil-gabjetta f’idu, jitlewwem ma’ żagħżugħ. “X’ġara, Karamellu?” qallu Bertu. “Irid jeħodli l-gabjetta,” wieġbu Karamellu, kważi jibki. “Stenna ftit,” qal iż-żagħżugħ, “jien irrid nixtriha, mhux nisraqha. Offrejtlu erba’ xelini tagħha, għalkemm ma tiswa xejn għax ruħha fi snienha. Imma hu xorta ma jridx jagħtihieli.” “Il-gabjetta
  • mhix għall-bejgħ,” qallu Bertu. “Dik ta’ Dun Karm.” “Dun Karm x’jambiha gabjetta msadda bħal dik?” qallu ż-żagħżugħ. “Allura inti għaliex tridha? Għaliex trid tagħtini erba’ xelini tagħha?” qallu Karamellu. “Jien naf għaliex,” instema’ jgħid Dun Karm minn warajhom. Malli ra lil Dun Karm, iż-żagħżugħ instamat. “Skużani, Dun Karm,” qallu. “Ilbieraħ jien żbaljajt.” “X’ġara mill-bieraħ ’il hawn?” staqsieh il-qassis. “Meta ħuti ġew lura d-dar mill-quddiesa, qaluli x’għedt inti. Qaluli wkoll li l-gabjetta li wrejthom kienet bħal dik li jien ikolli taħt it-taraġ, fil-bitħa. Riedu jarawha. Ommi wkoll staqsietni fejn hi. Jien ma stajtx ngħidilhom li ma għadhiex għandi u għaliex. Għalhekk, ġejt għaliha. Ħa l-flus lura, imma agħtini l-gabjetta jekk jogħġbok, forsi ħuti ma jindunawx li kont jien iż-żagħżugħ li inti semmejt lit-tfal.” “Il-gabjetta tista’ teħodha,” qallu Dun Karm. “U l-flus żommhom ukoll. Agħtihom lil ommok. Żgur issib x’tagħmel bihom. Għalija dan il-mument jiswa ferm iktar minn ftit xelini.” Karamellu tah il-gabjetta. Bertu, li dak il-ħin kien wara ż-żagħżugħ, kien se jagħtih daqqa ta’ sieq kieku Dun Karm ma ntebaħx x’se jagħmel u qallu: “Bert! X’inhu ġej?” “Kont se naqa’, Dun Karm,” wieġbu Bertu.