15, ta' Diċembru, 2021
Is-Sur John Boxall, is-Sindku tal-Birgu, ippreżenta donazzjoni ta’ kotba ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’ lis-Sinjorina Lorna Schembri, Kap tal-Iskola Primarja tal-Birgu.
‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb’ huwa ġabra ta’ 10 stejjer, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN – Creative Designs.
B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.
Preżenti għall-okkażjoni, fid-29 ta’ Novembru 2021, kien hemm l-awtur, is-Sur Charles Buttigieg, li spjega lit-tfal miġbura li l-istejjer tal-ktieb huma mnebbħin minn ġrajjiet u praspar li hu bħala tifel kien għadda minnhom. Huwa żied li l-istejjer joffru stampa dwar kif kienet il-ħajja tat-tfal fl-imgħoddi.
L-awtur qal li żmien tfulitu għallmu kemm hu sabiħ li tkun kuntent b’dak li għandek waqt li fl-istess ħin tibqa’ tistudja u tħabrek biex timxi ’l quddiem u tkun dejjem lest li tgħin lil ħaddieħor.
Fl-indirizz tiegħu s-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall tkellem dwar l-importanza tal-qari u kif il-kunsill huwa dejjem lest biex jinvesti fl-edukazzjoni, għax jifhem li jekk tinvesti fil-ġenerazzjoni tal-lum, tkun qed tiżgura wkoll futur tajjeb għal-lokalità.
Is-Sinjorina Lorna Schembri, Kap ta’ l-Iskola Primarja tal-Birgu, filwaqt li rringrazzjat lis-sindku għad-donazzjoni, spjegat kif dawn l-istejjer ser jgħinu lit-tfal tal-lum jagħrfu kif fl-imgħoddi t-tfal, għalkemm ma kellhomx lussu, dejjem kienu ferħanin.