L-Iskola San Anton tirċievi donazzjoni ta’ kotba ‘Karamellu tar-Raħal t’Isfel’ 

Is-Sinjura Maria Bugeja, Kap Eżekuttiv ta’ Saint James Hospital Group ippreżentat donazzjoni ta’ kotba “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” lis-Sinjura Tania Gauci Fenech, Assistent Kap tas-Sezzjoni taż-Żgħar ta’ San Anton, fl-Imselliet.

“Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb” huwa ġabra ta’ 10 stejjer, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta t-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu.

Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.

B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.

Preżenti għall-okkażjoni, fil-10 ta’ Diċembru, 2021, kien hemm l-awtur, is-Sur Charles Buttigieg.